Elaine Rapinett ta’ 34 sena kienet akkużata b’serqiet bejn id-19 u t-30 ta’ Jannar li għadda minn disat iħwienet differenti f’sitt lokalitajiet. Hi ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha.
Rapinett inqabdet permezz ta’ kameras tac-CCTV u li ġew iċċirkolati fuq il-mezzi tal-midja soċjali.
Is-serq seħħ minn spiżerija f’Ħal Balzan, minn ħanut tal-kompjuters fiż-Żejtun, u minn ħwienet tal-ħwejjeġ u supermarket f’Tas-Sliema, minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt u minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, kif ukoll minn ħanut tal-aċċessorji f’ Ta’ Xbiex.
L-għada taż-żewġ serqiet minn Tas-Sliema, reġgħet marret tisraq minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema, filwaqt li jumejn wara serqet minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt. L-għada tas-serqa mill-Belt wettqet tliet serqiet oħra minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, minn ħanut tal-aċċessorji f’Ta’ Xbiex u minn superkamarket f’Tas-Sliema.
Il-Maġistrat Doreen Clarke, ikkunsidrat li l-mara kkoperat mal-Pulizija u ammettiet mill-ewwel. Il-Qorti talbet ukoll biex il-Faċilità korettiva ta’ Kordin tgħin lill-mara tegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Johan Fenech u l-Ispettur Jonathan Rensley.
Aqra wkoll: http://www.one.com.mt/2018/01/30/jinqabdu-ftit-wara-li-ppruvaw-jisirqu-minn-hanut-fbirkirkara/