Tnedew tliet skemi tal-Erasmus+ li se jagħtu opportunità lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jingħaqdu ma’ sħabhom Ewropej f’opportunitajiet barra minn Malta b’investiment ta’ Є3.5 miljun.
Skema ffinanzjata direttament mill-Kummissjoni Ewropea, b’investiment ta’ madwar €50 miljun fis-sena, se tagħti l-opportunità biex organizzazzjonijiet sportivi Maltin u Għawdxin isaħħu l-istrutturi u l-operat tagħhom billi jissieħbu fi proġetti ta’ partnerships ma’ pajjiżi oħrajn.
It-tieni skema hija li mill-2023 ’il quddiem, ta’ kull sena, madwar 30 kowċ minn klabbs differenti se jintbagħtu biex jitħarrġu barra minn pajjiżna. Sal-2027 se jkunu ntbagħtu mal-150 kowċ barra minn xtutna b’investiment ta’ Є135,000.
Żgħażagħ sportivi ta’ bejn it-13 u t-30 sena qed jingħataw ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’youth exchanges, b’investiment ta’ Є700,000 kull sena.
L-iskemi tnedew waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Malta Ċertezza u stabbiltà fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Programmi tal-Unjoni Ewropea Joseph Schembri ħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi għaliex mhux biżżejjed li wieħed jiddedika ħin twil għat-taħriġ, iżda hemm ukoll il-ħtieġa kruċjali li kull sportiv jiżviluppa l-ħiliet personali u dawk soċjali.
Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett.
Huma t-tnejn tennew l-pjaċir tagħhom li jistgħu jkomplu jgħinu l-atleti u ż-żgħażagħ jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.