Waqt li din il-ġimgħa ċċelebrat l-ewwel sena mill-operat tagħha, in-National Lottery plc ħabbret tliet inizjattivi ġodda.
Fl-inawgurazzjoni fl-uffiċini ġewwa fil-Quad Central fl-Imrieħel, il-kumpanija qalet li se tintroduċi tlugħ tas-Super5 kull nhar ta’ Ġimgħa mill-21 ta’ Lulju li ġej, biljetti ScratchiZ u portafoll onlajn tal-lotteriji, bħala parti integrali mill-istrateġija tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tan-National Lottery plc, Johann Schembri, stqarr li l-għan prinċipali tagħhom hu li jqarrbu l-kumpanija u s-servizzi tagħha lejn il-pubbliku biex iwasslu prodott konvinċenti.
F’din is-sena, li ilha topera, in-National Lottery ħarġet rekord ta’ premjijiet li jaqbżu l-€107.14 miljun.
Waqt l-avveniment, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, stqarr li l-investiment li għamlet in-National Lottery juri l-fiduċja li għandha l-kumpanija fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Hu saħaq dwar l-importanza u s-saħħa tas-settur ekonomiku tal-gaming f’Malta li l-valur gross tiegħu f’dawn l-aħħar sentejn żdied b’5.8%.