Michael Borg ta’ 43 sena minn Raħal Ġdid, Shannon Cauchi ta’ 29 u Anthony Cremona ta’ 47 sena mill-Ħamrun instabu ħatja ta’ kutrabandu ta’ sigaretti. Il-każ seħħ f’Lulju tal-2013 meta l-pulizija segwew il-vjaġġ ta’ dgħajsa tas-sajd magħrufa bħala ‘Blue Dolphin 1’ li l-kaptan tagħha huwa Borg, li kienet sejra minn Għawdex għal San Pawl il-Baħar.
Meta waslet f’Għajn Fekruna il-ħaddiema ħottew kaxxi mid-dgħajsa għall-vann abjad li kien qed jistennihom li ħarab minn fuq il-post meta waslu l-pulizija. Il-vann kien misjuq minn Shannon Cauchi Anthony Cremona u instab iktar tard f’Santa Venera. Il-kaxxi kien fihom 1,030,800 cigarett b’valur ta’ €29,870 u total ta’ taxxa li tammonta għal €197,353.
Borg ġie arrestat flimkien ma’ ħaddiem li kien hemm fuq il-vapur mill-Indonażja li kixef l-involviment ta’ Robert Agius ta’ 34 minn San Pawl il-Baħar u Paul Anthony Pisani ta’ 47 minn Ħal Safi. Il-persuni involuti kollha ġew mixlija b’involviment ta’ kutrabandu filwaqt li Borg ġie akkuzat separatament talli mar kontra r-regolamenti tas-sajd u Cauchi talli mar kontra l-ordni tal-probation li kellu.
Il-Maġistrat Anthony Vella irrimarka li l-marki tas-swaba tal-kaptan kienu jaqblu wkoll dawk li stabu fuq il-kaxxi li kien hemm fil-vann. Intant, Pisani u Agius ingħataw il-ħelsin mill-arrest ħabba nuqqas ta’ evidenza kontrihom filwaqt li Borg, Cauchi u Cremona ingħataw sentenza ta’ tlett snin priġunerija u multa ta’ €488,077.86 kull wieħed. Apparti dan, Borg weħel ukoll multa addizjonali ta €379, kellu d-dgħajsa ikkonfiskata kif ukoll is-sigaretti miżmuma mill-awtoritajiet.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-assistent kummisarju Ian Abdilla u l-Ispettur Yvonne Farrugia. Għal Agius u Pisani deher l-avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-Avvukati Veronique Dalli, Franco Debono u Alfred Abela iddefendew lill-akkuzati l-oħra.