Tliet persuni ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat aggressjoni li seħħet f’Bormla u li ħalliet raġel ta’ 36 sena bi ġrieħi serji kawża ta’ daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja u kwart tal-Ħadd filgħodu xħin Libjan ta’ 36 sena residenti l-Imsida, daħal l-Għassa ta’ Bormla u stqarr li kien għadu kif ġie aggredit f’residenza fi Triq il-Madonna tal-Grazzja, Bormla. Minnufih intalbet l-assistenza medika, fejn il-vittma ngħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie
ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel kien fir-residenza fejn hemmhekk seħħ argument u allegatament ġie aggredit minn tliet irġiel b’arma f’dahru u wara dawn ħarbu minn fuq il-post.
Investigazzjonijiet intensivi wasslu biex aktar tard, l-allegat aggressuri; żewġt irġiel ta’ 33 sena u ieħor ta’ 34 sena kollha residenti Bormla, ġew arrestati u qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana għal aktar stħarriġ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Elaine Rizzo LL.D li fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.