Fl-2023 żaru pajjiżna aktar minn tliet miljun turist biex b’hekk inqabżu l-livelli rekord tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija, bi 8.3%. Dan tħabbar waqt konferenza fejn fiha ġew żvelati r-riżultati turistiċi għall-2023.
Fil-fatt, tul din il-konferenza, li ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għat-Turizmu Clayton Bartolo, intqal kif pajjiżna hu wieħed mill-ewwel destinazzjonijiet li rnexxielhom saħansitra jaqbżu il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Fi preżentazzjoni dettaljata mid-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Leslie Vella, ġie spjegat kif fl-2023 tqattgħu aktar minn 20.2 miljun lejl minn viżitaturi f’pajjiżna biex b’hekk hawn ukoll ġiet irreġistrata żieda ta’ 5% fuq l-2019.
Fis-sena ta’ qabel il-pandemija, il-viżitaturi qattgħu f’pajjiżna aktar minn 19.3 miljun lejl.
Minbarra hekk inqabeż ir-rekord tal-2019 f’dak li għandu x’jaqsam spiża tat-turisti. Fil-fatt, is-sena li għaddiet intefqu €2.7 biljun f’pajjiżna. Ċifra li taqbeż dik tal-2019 b’20%. Fl-2019 intefqu €2.2 biljun. Dan ifisser li għal kull persuna li żaret pajjiżna s-sena li għaddiet, intefqu medja ta’ kważi €900, b’nefqa ta’ €132 għal kull jum.
L-aqwa destinazzjonijiet li kkontribwew għall-influss rekord ta’ turisti f’pajjiżna kienu l-Italja, ir-Renju Unit, Franza, l-Ġermanja, il-Polonja u Spanja.
L-Italja u r-Renju Unit ikkontribwew għal 18.4% u 18.1% tal-wasliet f’pajjiżna, waqt li Franza, il-Ġermanja, il-Polonja u Spanja kellhom sehem ta’ 9.6%, 7.3%, 5.6% u 3.8% rispettivament.
Il-maġġoranza tat-turisti, jiġifieri 33.5%, żaru pajjiżna bejn Lulju u Settembru, 28.4% waslu bejn April u Ġunju, 23.2% bejn Ottubru u Diċembru u 14.9% bejn Jannar u Marzu.
Fil-fatt hawn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, innota kif qed jintlaħaq bilanċ aħjar bejn l-istaġuni differenti u li dan juri kif l-isfida tal-istaġjonalità qed tiġi indirizzata b’suċċess.
Il-maġġoranza tad-destinazzjonijiet Ewropej irreġistraw żieda fin-numru ta’ turisti li minnhom ivvjaġġaw lejn pajjiżna fuq l-2019, filwaqt li pajjiżna rnexxielu jilħaq dan it-tragward importanti sena qabel iż-żmien ippjanat.
“Qegħdin naraw ukoll li nkabbru t-turiżmu minn pajjiżi barra l-Ewropa u dak hu t-tir li jmiss għal pajjiżna – li nkabbru t-turiżmu li jiġi f’pajjiżna għall-esperjenza u lest li jonfoq iżjed ħalli nkompli ndaħħlu d-dħul mit-turiżmu u t-turiżmu jibqa’ pilastru ewlieni fl-ekonomija Maltija.”
F’reazzjoni separata, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat pożittiv, filwaqt li sostna l-importanza li issa pajjiżna jaħdem aktar biex jattira turiżmu ta’ kwalità.
“Issa nemmen li fadlilna l-ambizzjoni li jmiss f’dan il-pajjiż, dik li mmorru lejn turiżmu ta’ kwalità għolja. Hemmhekk nemmen li fadlilna ħafna u ħafna x’naħdmu u hemmhekk, jekk tgħidli waħda mill-ħolmiet li għandi għal dan il-pajjiż, hi li nimirħu lejn dan is-settur.”