Matul tmiem il-ġimgħa se jkunu qed jinfetħu għall-pubbliku tliet korsiji ġodda fi Triq Aldo Moro. Dan ifisser li t-tieni fażi tal-Marsa Junction waslet viċin it-tmiem.
F’dawn il-korsiji intuża mal-11,500 tunellata asfalt. B’dan l-intervent qed inżidu l-kapaċita ta’ din it-triq. Dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti oħra bħal dak ta’ Central Link, tal-mini ta’ Santa Venera u anka Santa Luċija.
Apparti dawn il-korsiji saru 6 kilometri ta’ trinek għan-networks tas-servizzi u t-telekomunikazzjoni u 1.2 kilometru walk-through service culverts għan-network tal-elettriku.