Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kkonfermat li sa dalgħodu ġew irreġistrati tliet każijiet oħra ta’ Coronavirus f’pajjiżna. B’hekk il-każijiet ikkonfermati ta’ f’Malta telgħu għal tnax-il każ.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Professur Gauci qalet li t-tliet persuni infettati huma raġel Malti ta’ 45 sena li kien għall-btala fil-Ġermanja, Taljan ta’ 40 sena li wasal Malta minn Pariġi fi Franza u tfajla ta’ 30 sena li kienet Brussels.
Il-Professur Gauci qalet li l-Malti ta’ 45 sena kien għal żjara Munich, il-Ġermanja. Qalet li l-pazjent beda juri s-sintomi l-Erbgħa li għadda meta beda jaqta’ nifsu u kellu s-sogħla. Qalet li l-membri tal-familja tiegħu qegħdin fi kwarantina.
Matul il-lejl ġie rreġistrat każ ta’ Taljan ta’ 40 sena. Huwa mar Pariġi u t-Tlieta li għadda beda jħoss is-sintomi. Qalet li t-Taljan ma kellu ebda kuntatt ma’ terzi għax jaħdem online.
It-tielet każ kien ta’ tfajla Maltija ta’ 30 sena li taħdem fil-qasam tas-saħħa. Hija marret Brussel fil-ħamsa ta’ Marzu u ilbieraħ tkellmet mal-helpline fejn irrizulta li kienet pożittiva għal din l-influwenza.
Il-Professur Gauci qalet li t-tfajla daħlet għax-xogħol fl-10 ta’ Marzu, ġurnata qabel bdiet turi s-sintomi. Għaldaqstant qed isir assessjar tal-persuni li seta’ kellha kuntatt magħhom.
Gauci qalet li l-każijiet kollha li rriżultaw fil-pożittiv ġew importati minn barra u l-ebda wieħed ma sar bi trasmissjoni lokali.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li huma eluf li qegħdin iċemplu fuq il-helpline 111. Ħabbret ukoll li mill-bieraħ infetaħ ċentru ieħor fil-Mosta biex iwieġeb għad-domandi tal-pubbliku.