Tlett irġiel ġew arrestati mill-iskwadra ta’ kontra d-droga wara sejba ta’ 23 kilogramma ħaxixa tal-kannabis.
L-irġiel kienu arrestati ftit wara nofsillejl wara jiem t’osservazzjoni meta l-pulizija ċċirkondawhom u arrestawhom fl-akwati ta’ Marsaxlokk.
It-tliet irġiel – żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Birżebbuġa u t-tnejn l-oħra ta’ 28 sena minn Marsaxlokk – kienu qegħdin jiġu osservati iniżżlu kaxxi tal-kartun minn fuq skuna tas-sajd li kienet għadha kemm sorġiet max-xatt ta’ Marsaxlokk.
Il-Pulizija komplew josservawhom ipoġġu l-kaxxi ġo vann fejn ftit wara l-vann instaq minn fuq il-post u l-Pulizija ċċirkondawh mill-ewwel u waqqfuhom.
Il-Pulizija kkonfermaw li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin għal diversi ġranet u li fil-kaxxi kien hemm 23 kilogramma droga kannabis.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali u l-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.