Sabiex jitfakkar il-mitt sena mit-twelid tal-Prinċep Filippu, id-Duka ta’ Edinburgh, li miet fid-disgħa ta’ April li għadda fl-età ta’ disgħa u disgħin sena, il-kumpanija MaltaPost qed toħroġ sett ta’ tliet bolol.
Tnejn minn dawn il-bolol juru xeni differenti minn żmien li l-Prinċep kien jgħix Malta waqt li kien qiegħed iservi fl-Ammirjaljat Ingliż.
Il-Kap tal-Filatelija fi ħdan MaltaPost, qaltilna għaliex iddeċidew li jagħżlu żewġ xeni tal-koppja ġewwa Villa Gwardamanġa.
“Għandna wkoll fejn għandek villa Gwardamanġa fejn qed naraw l-aspett tal-koppja meta kienu Malta u kien qed jgħixu fostna bħala koppja tista’ tgħid normali u għalhekk kien il-ħsieb ukoll li nġibuhom meta kienu f’kuntest Malti.”
Simpson spjegat kif it-tielet bolla tfakkar iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza ta’ Malta tal-elf disa’ mija u erbgħa u sittin, fejn il-Prinċep kien akkumpanja lir-Reġina Eliżabetta t-tieni għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Spjegatilna kif dawn il-bolol se jinħarġu f’folji ta’ għaxra fejn kull bolla se jkollha il-marka tas-salib ta’ Malta.
Il-Kap tal-Filatelija aċċennat ukoll li għal dawk kollha li għandhom għall-qalbhom il-kollezzjonijiet tal-bolol, se jkun hemm pakketti speċjali ddedikati għalihom.
“Apparti l-bolol se jkun hemm wkoll stationary li jmorru mal-konsenja fejn se jkollok il-‘first day cover’ li fih il-bolol fuq l-envelop bit-timbru tal-ġurnata u diversi affarjiet oħra li kolletturi jew nkella dawk li jħobbu lill-familja rjali jista’ jmur u jakkwistahom mill-fergħat tal-MaltaPost u mis-sit elettroniku tal-Filatelija.