Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Frar tal-1995, għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija, fil-Baċir Numru 3 fix-Shipbuilding seħħet splużjoni abbord il-bastiment Um El Faroud, li dwiet mal-Kottonera u f’postijiet oħrajn madwar Malta.
Dakinhar, 29 sena ilu, kienet għadha kemm seħħet l-akbar traġedja fit-tarzni lokali, li spiċċat ħasdet il-ħajja ta’ disa’ tarznari.
Fil-fatt fl-isplużjoni tilfu ħajjithom Carmelo Callus, George Aquilina, Simon Pisani, Mario Hales, Angelo Sciberras, George Xuereb, Paul Seguna, Anthony Vassallo u Simon Mifsud, li bdew il-ġurnata tax-xogħol b’mod normali, iżda ma rritornawx lejn djarhom mal-familji tagħhom.
Tliet snin wara l-inċident sfortunat, il-vapur tneħħa mit-Tarzna u ġie mgħerreq ’il barra minn Wied iż-Żurrieq, b’tifkira għall-istess vittmi. Qabel tniżżel f’qiegħ il-baħar, twaħħlet plakka kommemorattiva miegħu bl-ismijiet tad-disat irġiel li tilfu ħajjithom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.