29 student ingħataw il-warrant fil-professjoni tal-psikoterapija biex b’hekk issa jistgħu jipprattikaw u jaħdmu f’din il-professjoni li dejjem qed tikber id-domanda għaliha.
Ma’ dawn il-psikoterapisti l-ġodda, tmien persuni oħra ġew ċertifikati bħala li jistgħu jaħdmu fl-irwol ta’ supervisor f’każijiet fejn studenti jkunu għadhom qed jitħarrġu waqt il-prattika.
Dawn il-warrants ġew preżentati mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u miċ-Chairperson tal-Assoċjazzjoni tal-Psikoterapija, Charles Cassar. Din il-professjoni mhux biss hija marbuta ma’ servizzi ta’ saħħa mentali, iżda tgħin, fost l-oħrajn, biex ikun hemm relazzjonijiet iktar b’saħħithom fis-soċjetà u tippromwovi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja.
Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrants, il-Ministru Michael Falzon faħħar is-sehem ta’ din il-professjoni u fissirha bħala essenzjali f’soċjetà li fiha jevolvu r-realtajiet soċjali. “Issa verament qed naraw direzzjoni serja lejn din il-professjoni. Nappella biex taħdmu lkoll flimkien b’għan wieħed, dak li flimkien taslu biex tgħinu persuni vulnerabbli li għada pitgħada jħarsu lura lejkom b’sodisfazzjon għax tkunu ta’ spalla biex joħorġu minn perjodu ta’ sfida,” qal il-Ministru Falzon.
Din il-professjoni ġiet rikonoxxuta permezz ta’ tibdil fil-liġi fl-2018, biex b’hekk gradwat f’dan il-qasam joħroġ b’kompetenzi ta’ prattika li tista’ tkun awtonoma f’diversi oqsma, mhux biss klinika jew f’dik medika, iżda wkoll fl-oqsma edukattivi, soċjali u psikoloġiċi.
Fl-aħħar ħames snin ingħataw 337 warrant f’din il-professjoni waħidha, jekk wieħed ma jinkludix lill-psikoloġisti.