Investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Albaniżi, Griegi u Taljani, flimkien mal-Europol u l-Eurojust, wasslet għas-sejba ta’ ċirku ta’ kriminalità organizzata nvolut fil-kuntrabandu tal-immigranti.
It-tfittxijiet saru fi tmienja u għoxrin dar; ħmistax fl-Albanija, tnejn fil-Greċja u ħdax fl-Italja. Din l-operazzjoni wasslet għal disgħa u għoxrin arrest; tmintax fl-Albanija, wieħed fil-Greċja u għaxra fl-Italja.
L-awtoritajiet jemmnu li s-suspettati, il-maġġoranza mill-Iraq u mis-Sirja, jiffurmaw parti minn netwerk ta’ kriminalità ta’ madwar tmenin membru li allegatament huma responsabbli għal madwar tletin operazzjoni ta’ kuntrabandu tal-immigranti.
Dawn l-allegati operazzjonijiet kienu jieħdu lill-immigranti mit-Turkija għall-kosta ta’ Salento fl-Italja u jgħaddu mill-Albanija u l-Greċja. L-operazzjonijiet allegatament kienu jsiru b’bastimenti lussużi, bħal jottijiet, u s-suspettati għamlu użu minn servizzi informali ta’ trasferiment tal-flus, bħall-hekk imsejħa hawala system.
L-allegati profitti illegali huma stmati li jlaħħqu l-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.