Disgħa u għoxrin kamra tan-nar madwar Malta u Għawdex gawdew minn skema ta’ mija u sebgħin elf ewro, li se jissarrfu f’aktar saħħa u sigurtà fil-bini rispettiv ta’ dawn il-kmamar tan-nar.
Din l-iskema ilha tassisti lill-kmamar tan-nar f’pajjiżna mill-elfejn u tmintax.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, irringrazzja lill-benefiċċjarji ta’ din l-iskema għall-ħidma tagħhom biex isostnu u jtejbu t-tradizzjonijiet Maltin.
Huwa spjega kif b’din l-iskema, il-Gvern qed juri l-impenn tiegħu lejn dawk li jipprattikaw it-tradizzjonijiet Maltin.
Bonnici qal, “Għal sena oħra qed nagħtu ammont ta’ flus sabiex dan jiġi investit fil-kmamar tan-nar li jaħdmu fuq bażi volontarja f’Malta u Għawdex biex inkomplu nsaħħu s-saħħa u s-sigurtà f’dawn il-kmamar tan-nar.”
Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija, fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi nnutat l-impatt dirett ta’ dawn l-investimenti fuq il-kultura Maltija.
Hija spjegat kif dawn il-fondi jistgħu jintużaw b’diversi mezzi mill-kmamar tan-nar, iżda fl-aħħar mill-aħħar, kollha jissarrfu fi kwalità ogħla tal-kultura Maltija.
Cauchi stqarret, “Jinkludu u jkopru finanzjament fejn jidħol taħriġ, fejn jidħol restawr tal-kmamar, fejn jidħol anke bżonnijiet infrastrutturali u investiment f’makkinarju. Bażikament hija għajnuna biex intejjbu l-kwalità ta’ dawn il-kmamar tan-nar.”
Kull kamra tan-nar li applikat għal din l-iskema, setgħet tibbenefika sa massimu ta’ ħamest elef ewro u l-fond jinvesti anki f’riżorsi edukattivi u fit-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-kmamar tal-logħob tan-nar lokali u dawk Ewropej.