Mitejn disgħa u tmenin student lestew b’suċċess il-kors The Guest Experience, proġett li fih jinkludi numru ta’ korsijiet fl-ospitalità.
Dan il-kors qed isir ġewwa l-Istitut għat-Turiżmu, l-ITS u l-għan huwa li dawn il-persuni jkompli jżidu l-ħiliet tagħhom fis-settur turistiku.
Waqt l-għoti taċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati, iċ-Chairman tal-ITS Carlo Micallef qal li dan il-kors huwa importanti sabiex aktar nies ikollhom ħiliet fis-settur turistiku.
Huwa qal, “Aħna l-aqwa riżors li għandna fil-pajjiż huwa l-asset uman, in-nies tagħna li huma l-frontliners fl-industrija, in-nies li qed jiltaqgħu mat-turist. Għaldaqstant kien opportun ħafna lil ninvestu f’dawn il-courses ħalli nippreparaw għal għada.”
F’dan il-kors wieħed jitgħallem dwar il-ħiliet bażiċi fl-informatika u oħrajn fil-customer care, li saru b’mod virtwali.
Waqt din iċ-ċerimonja tkellimna ma’ Michael Borg, li lesta dan il-kors b’suċċess: “Kien interessanti immens għal fatt illi qed tagħmlu qishek fi skola u qiegħed online għalkemm konna fil-pandemija.”
Ray Abela, il-President tat-TCTC fisser kif il-kors kellu diversi taqsimiet li jmissu magħhom dawk li jaħdmu fis-settur turistiku: “Dawn il-korsijiet kienu immirati għal dawn in-nies, kienu fuq diversi units u modules immirati fl-ospitalità. Imma l-iskop ewlieni kien illi nagħmlu li jissejjaħ upskilling mill-faxex żgħar għal fuq, biex inkomplu ninvestu f’dan il-qasam.”
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, li qal kif l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta u anke sabiex aktar nies ikun f’dan is-settur tant importanti f’pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal kif dan il-kors sar permezz ta’ fondi minn Erasmus.