Dalgħodu, aktar minn tmienja u għoxrin elf student u studenta mifruxa mill-ewwel sena tal-Primarja sal-ħdax-il sena tas-Sekondarja, irritornaw fuq il-bankijiet tal-iskola, fl-iskejjel tal-istat f’pajjiżna.
Dan wara li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, daħlu għax-xogħol aktar minn sebat elef u seba’ mitt edukatur.
Matul din is-sena skolastika, se jkun hemm elfejn, erba’ mija u għaxar rotot ta’ trasport b’xejn tal-iskejjel, grazzi għal miżura li kien daħħal dan il-Gvern.
Aktar minn tnejn u tletin elf student u studenta mil-livell ta’ Kindergarten sas-Sekondarja se jgawdu minn dan is-servizz.
Intant, matul is-sajf tlestew tnax-il proġett maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro filwaqt li hemm erba’ proġetti oħra li se jkompli għaddej ix-xogħol fuqhom b’investiment ta’ tlieta u ħamsin miljun; total ta’ investiment fl-infrastruttura edukattiva ta’ tlieta u sebgħin miljun ewro.
ONE News jieħu din l-opportunità biex jawgura s-sena skolastika t-tajba, mhux biss lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel, imma lill-istudenti kollha li se jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali tagħhom.