284 immigrant li ddaħħlu f’pajjiżna wara li għamlu numru ta’ ġimgħat abbord il-bastimenti tal-Captain Morgan fost oħrajn se jkunu rilokati f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
B’dan l-iżvilupp, ifisser li żewġ terzi tal-immigranti li ddaħħlu f’pajjiżna fil-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Ġunju 2020, se jiġu rilokati minn pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta spjega li n-negozjati għar-rilokazzjoni bdew meta l-portijiet Maltin kienu magħluqa matul il-perjodu ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika.
Sigħat wara li dawn l-immigranti ddaħħlu, il-Prim Ministru Robert Abela kien irrimarka li minnufih intensifikat ħidma għar-rikolazzjoni tal-immigranti.
Il-Gvern qal li d-deċiżjoni li Malta żżomm l-immigranti fuq dawn il-bastimenti ttieħdet fl-eqqel tal-pandemija meta pajjiżna ma setax joffri post sigur għal persuni li jaslu Malta irregolarment bil-baħar.
Dan sar ukoll fid-dawl tal-pressjoni fuq iċ-ċentri tal-immigranti, fosthom fl-ikbar ċentru li kien magħluq bi kwarantina.
Il-Gvern fakkar li Malta ma kinitx l-unika pajjiż fil-Mediterran li użat vapuri għal dan l-iskop, hekk kif stati membri oħra ħadu inizzjattivi biex irażżnu l-pandemija f’ċentri tal-immigranti.
Il-Gvern qal li beda l-proċess sabiex l-ewwel grupp ta’ 204 immigrant jiġu rrilokati lejn il-pajjiżi l-oħra. Fil-każ tat-tmenin immigrant ieħor, hemm impenn politiku bejn Malta u l-membri stati kkonċernati li ser ikun segwit mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Gvern aċċenna li minbarra l-ħidma biex l-immigranti jiġu rilokati, bdiet ukoll ħidma biex immigranti minn pajjiżi meqjusa bħala siguri jkollhom il-proċess tal-ażil tagħhom mgħaġġel.
Il-Ministru Byron Camilleri stqarr, “Bħala gvern qed naħdmu ħafna sabiex dawk il-persuni li wasslu f’Malta, fl-aħħar ġimgħat u xhur ilhi ma jistoqqilhomx li ikunu hawnehkk għaliex l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx aċċettat, qedin naħdmu ukoll sabiex anke dawn jitilqu minn Malta għaliex ma jkollhomx dritt li jibqaw residenti f’pajjiżna.”
Immigranti fuq bastiment minnhom kienu ħolqu protesti u kommossjoni minħabba l-fatt li kienu qed jinżammu fuq il-baħar.
Is-sitwazzjoni kienet eskalat, tant li l-membri tal-ekwipaġġ u l-Kaptan kienu kostretti jiċċaqalqu mill-pożizzjoni tagħhom u jidħlu fl-ibħra territorjali ta’ Malta.
Malta dejjem saħqet li hija tonora l-obbligazzjonijiet internazzjonali tagħha anki biex issalva l-ħajjiet iżda mal-Ewropa aċċennat ukoll li l-piż tal-immigrazzjoni jrid jinqasam mal-istati membri, f’ġieh il-valur tas-solidarjetà li l-Unjoni Ewropea tħaddan.
Din l-operazzjoni, maħsuba biex tevita riskji marbuta mas-saħħa pubblika, swiet €1.7 miljun u l-Gvern Malti għadu għaddej b’taħdidiet bil-għan li jikseb fondi Ewropej.
Il-Gvern fakkar kif kien assigura li jsir ittestjar mediku tal-immigranti kollha li kienu abbord dawn il-bastimenti, u ħadd mill-immigranti ma rriżulta pożittiv għal COVID-19.
Spjega li l-preżenza tas-sigurtà 24 siegħa kuljum kienet essenzjali u kien hemm medja ta’ 12-il uffiċjal ta’ sigurtà f’kull ħin tal-ġurnata għal sebat ijiem fil-ġimgħa.
L-ispiża tinkludi wkoll kirja mhux biss ta’ bastimenti anki tal-Captain Morgan iżda anki bastiment tas-Supreme Travel filwaqt li kien hemm spejjeż ukoll marbuta ma’ ikel, xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ fost oħrajn.
Il-Gvern qal li jibqa’ kommess li r-rilokazzjoni tkun prinċipju ewlieni tal-politika Ewropea, l-aktar f’dan il-mument importanti fejn qed jiġi diskuss il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil.
Fl-istess waqt, Malta ser tkompli taħdem mal-Libja sabiex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni minn kmieni sabiex jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran u jiġu miġġielda t-traffikanti tal-bnedmin.