B’investiment ta’ €4.6 miljun, sal-lum, aktar minn 28,000 ħaddiem ibbenefikaw mill-iskema Investing in Skills, imħaddma minn Jobsplus.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar il-kumpanija Foster Clark li ngħatat aktar minn €36,000 biex tat taħriġ lil 127 impjegat permezz ta’ din l-iskema.
Din l-iskema tnediet f’Marzu tal-2017 u hija ko-finanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 permezz ta’ baġit ta’ €6.65 miljun.
L-għan ta’ din l-iskema huwa li min iħaddem jingħata għajnuna finanzjarja xierqa biex jagħti taħriġ lill-ħaddiema sabiex jiksbu ħiliet ġodda u jkunu jistgħu jkomplu javvanzaw fil-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-ekonomija ma tistax tikber u tiżviluppa jekk ma jkollokx ħaddiema adegwati u mħarrġa għad-dinja tax-xogħol.
Il-Head of Division – Employer Services fil-Jobsplus, Raphael Scerri qal li Jobsplus temmen fil-ħiliet tal-ħaddiema u għaldaqstant toffri għajnuna sabiex wieħed ikun jista’ jakkwista ħiliet ġodda.
Huwa spjega li kull min iħaddem jista’ jakkwista fondi minn Jobsplus sabiex ikopri parti mill-ispiża tat-taħriġ u saħansitra tal-paga tal-ħaddiem waqt it-taħriġ.
Huwa kompla li Jobsplus toffri skema oħra li hija t-Training Pays u toffri wkoll diversi korsijiet b’xejn lil kulħadd. Jobsplus toffri wkoll għajnuna finanzjarja lil min jattendi taħriġ u jkun jaqla’ sa €300 fil-ġimgħa u toffri wkoll sussidju fuq iċ-childcare.
Min-naħa tiegħu, Joseph Busuttil, l-Managing Director ta’ Foster Clark qal li bħala kumpanija, Foster Clark temmen u tinvesti ħafna fit-taħriġ u żvilupp kontinwu tan-nies tagħha fuq il-post tax-xogħol.