Id-Dipartiment tax-Xogħol fetaħ mitejn u tmenin investigazzjoni fil-konfront ta’ persuni li kienu qed iħaddmu persuni b’mod irregolari.
Dan tħabbar waqt konferenza stampa indirizzata mill-Ministru Helena Dalli li spjegat li s-sena l-oħra, il-persuni fis-suq tax-xogħol f’pajjiżna telgħu għal 240,000 ħaddiem.
Din iż-żieda kienet grazzi għal numru ta’ miżuri li daħħal il-Gvern fosthom iċ-child care b’xejn, l-in-work benefit u l-fond tal-leave tal-Maternita.
Minkejja li d-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li n-nisa f’pajjiżna jinsabu fl-agħar żmien tagħhom, statistika tal-NSO u l-Eurostat juru wkoll li bħalissa għandna l-akbar numru ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, b’żieda t’aktar minn 33,000 mara taħdem mill-2012 ‘l hawn.
Dwar id-differenza fil-paga bejn in-nisa u l-irġiel, il-Ministru Dalli spjegat kif dan żdied minħabba li daħlu aktar nisa fis-suq tax-xogħol.
Hijs spjegat li l-Gvern se jdaħħal mekkaniżmu li permezz tiegħu jiġu identifikati d-diskrepanzi fil-pagi waqt li nindirizzaw l-ostakli li qed jimminaw il-progress tal-mara fis-suq tax-xogħol.
Qalet ukoll li l-Gvern qed iħares lejn l-introduzzjoni ta’ liġi li tiggarantixxi li kull bord jinkludi 40% tas-sess l-inqas rappreżentat.
Il-konferenza stampa ttellgħet mill-istabbiliment Heritage Homes li jinsab fil-villaġġ tas-snajjà f’Ta’ Qali. Ftit tax-xhur ilu dan in-negozju tal-familja rebaħ il-premju tal-aqwa impjegat minħabba l-kundizzjonijiet favorevoli tax-xogħol li fihom iħaddem lill-ħaddiema tiegħu li 41% tagħhom huma nisa.
Bħalissa, dan in-negozju qed jespandi l-operat tiegħu fejn qed jibni fabbrika u stabbiliment ġdid sabiex ikompli jtejjeb l-esperjenza tal-eluf ta’ persuni li kull sena jżuru dan il-kumpless.