Ġermaniż ta’ wieħed u tletin sena li jaħdem bħala aġent ma’ ditta lokali ta’ riklamar instab ħati li għadda flus tal-klijenti fil-kont tiegħu.
Il-każ beda meta kumpanija Ingliża nfurmat lid-ditta Maltija li klijent tagħha ma rċeviex il-flejjes li suppost kellu jirċievi.
Għaldaqstant, skrutinju intern ipponta subgħajh lejn l-akkużat li ħoloq skema biex il-flus tal-klijenti jidħlu fil-kont bankarju tiegħu.
Huwa allegatament froda ftit aktar minn disgħa u tletin elf ewro mingħand disgħa u għoxrin klijent f’ħames xhur.
Dawn il-flus intużaw fi spejjeż ta’ kuljum, kera iżda ammont konsiderevoli minnhom intefqu f’casino online fejn ta’ kuljum l-akkużat nefaq eluf kbar ta’ flus.
B’hekk l-akkużat qed jiġi mixli b’miżapproprijazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus liema akkużi wieġeb ħati għalihom ħlief dik dwar il-ħasil ta’ flus.
Fil-Qorti l-akkużat ammetta li ħassu tajjeb meta ġie arrestat għaliex kien jaf li din ser ittemm il-vizzju tiegħu għal-logħob tal-ażżard.
Il-Qorti kkundannatu għal tmienja u għoxrin xahar ħabs filwaqt li ordnatlu biex iħallas lura l-ammont ta’ erbgħin elf ewro fi tmintax –il xahar.