L-ewwel ta Marzu 1997, Evan Ciantar u l-grupp ta’ żeffiena tiegħu li fil-passat ħadu sehem ukoll f’diversi produzzjonijiet ta’ dan l-istazzjon, ltaqgħu flimkien sabiex imorru passiġġata f’Selmun. Iżda sfortunatament li ma kienx jaf Evan, li hu, flimkien ma’ Priscilla Dimech, tfajla ta’ 15 il-sena ma kienux ser jerġgħu jmorru lura d-dar qawwijin u sħaħ.
ONE News iltaqa’ ma’ Svetlana Dimech, oħt Priscilla, fejn staqsejniha dwar oħtha.
“Aħna trabbejna flimkien jiġifieri qatt ma kelna problemi ta’ ġlied jiġifieri m’oħti kont ħafna close jien. Hi kienet ferriħija ħafna, ħafna, ħafna kienu jħobbuha n-nies, kienet ħafna qalbha tajba għax kienet tgħidli Svet kif nibda naħdem tgħidx kemm nixtrilu ħwejjeg it-tifel, it-tifel tiegħi, issa kien għad għandu sentejn biss jiġifieri niftakar dawn il-kliem qisha qed tgħidomli llum.”
Svetlana Dimech, oħt Priscilla
Hija qaltilna li dakinhar kienet ċemplet lil oħtha, li donnu kienet qiegħda tħoss li ser jinqala xi saram.
“Ċempiltilha għidtilha qed tieħu pjaċir sabiħa jiena, qaltli iva imma insomma għidtilha x’inti tagħmel qaltli qed niekol mandolina għidtilha kul mela ta għax tistordi jiena għidtilha … qaltli le ta għax mhux tinżilli tajba il-mandolina. Qisha ħasset li kien se jiġri xi ħaġa.”
Svetlana Dimech, oħt Priscilla
Staqsejna lil-Svetlana x’kien eżattament x’ġara dakinhar, kif bdiet il-ġurnata u kif sfortunatament spiċċat fi traġedja.
Svetlana qaltilna li missierhom ma xtaqx li oħtha tmur għal dan il-’hike’, iżda hija kienet qamet kmieni filgħodu, rikbet fil-karozza ma’ Evan u marret xorta waħda.
“Qed jieħdu ritratti u l-baħar kien kalm sewwa u f’daqqa waħda huma kienu Selmun, isfel fuq it-tafal sewwa issa malli it-temp inbidel f’daqqa waħda ġiet mewġa għalihom u ħadithom kollha l-baħar u mbagħad oħti baqgħet ġol-baħar, u Evan Ciantar qabeż għal oħti biex isalvaha imma qabeż u ħabat ma’ blata u miet.”
Svetlana Dimech, oħt Priscilla
Hija spjegatilna kif magħhom kien hemm ukoll bint Evan li dak iż-żmien kien għad kellha tlett snin iżda rnexxielha ssalva ħajjitha flimkien mal-oħrajn li salvaw.
“Priscilla bdew jgħajtulha biex titla’ imma sfortunatament baqgħet tissielet man-nifs u mietet fil-ħelikopter mietet; qas mietet fil-baħar imma fil-ħelikopter huma u sejrin biha.”
Svetlana Dimech, oħt Priscilla
Svetlana qaltilna li hija kienet qiegħda tagħmel ix-xogħol tad-dar fil-kċina meta ħadet l-aħbar li oħtha kienet ġiet nieqsa.
“Ifhem tieħu xokk dak il-ħin illi tisma’ għax jiena filli nismaha fuq l-aħbarijiet imma ma kontx naf li hi oħti għax qal Debono minflok Dimech u għallura diġà jien irreaġixxejt ħabba dik it-tfajla miskina li jien ma nafhiex aħseb u ara tkun oħtok qed tifhem.”
Svetlana Dimech, oħt Priscilla
Viżibbilment emozzjonata hija qaltilna li ommha fil-ġranet tal-festi u ta għeluq snin Priscilla tkun mnikkta u li hi għadha tħoss it-telfa ta’ oħtha sal-lum, madanakollu Svetlana irrakontat li kien hemm episodju partikolari li bih ntebħet li l-ħajja trid tibqa’ għaddejja.
“Kont qiegħda fil-kċina u ħassejt lil xi ħadd jagħmilli hekk, ‘just’ hekk jiġifieri mhux imiss dahri imma ‘just’ hekk li mhux għax bżajt dak il-ħin għax jien ma nibżax, ma kontx nibża’ minnha jew imma ixxukjajt ruħi li qed tgħidli jiġifieri Svet, ma tistax, il-ħajja trid tkompli qalbi għalikom jiġifieri mhux għax jiena tlaqt inti ħa tispiċċa hawn il-ħajja tiegħek.
Svetlana Dimech, oħt Priscilla