Tmienja u għoxrin persuna ġew arrestati waqt spezzjonijiet li saru fl-aħħar sigħat, b’rabta ma’ immigrazzjoni u attività kummerċjali irregolari.
L-ispezzjonijiet tmexxew mill-Pulizija s-Sibt filgħaxija, primarjament, fil-Ħamrun, fejn ġew spezzjonati persuni fi spazji pubbliċi, ħwienet tas-servizzi, u ħwienet tal-merċa. L-operazzjoni mbagħad kompliet f’diversi residenzi privati madwar il-pajjiż.
Tul l-operazzjoni, ġew arrestati tmienja u għoxrin persuna mis-Sirja, min-Nepal, mill-Mali, mill-Ghana, min-Niġerja u mill-Burkina Faso, wara li nstabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari.
Il-Pulizija, flimkien mal-awtoritajiet tax-xogħol u tat-taxxa, qed jinvestigaw ukoll il-ħwienet li fihom saru t-tfittxijiet b’rabta ma’ abbuż tal-liġijiet u r-regoli tax-xogħol jew tal-kummerċ.
Il-persuni kollha li ġew arrestati, se jinżammu f’ċentru ta’ detenzjoni sakemm ikunu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew pajjiż li jistgħu jgħixu fih.
Jassistu lill-Pulizija kien hemm ukoll uffiċjali mill-Aġenzija għas-Servizzi tad-Detenzjoni u mit-taqsima tal-infurzar tal-Malta Tax and Customs Administration.
Din il-ħidma kordinata f’oqsma varji se tissokta fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin.