Fl-aħħar għaxart ijiem, 28 pazjent tal-isptar Monte Karmeli kienu trasferiti għal residenza ġdida f’Raħal Ġdid fejn se jibdew jirċievu kura f’ambjent modern u li hu iktar ta’ ġid għal saħħithom.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fejn fuq il-midja soċjali żvela li se jkun qed jinawgura din ir-residenza għada u li din hi parti mill-istrateġija għas-Saħħa Mentali għas-snin 2020-2030.
B’ritratti ta’ din il-binja mill-isbaħ, id-Deputat Prim Ministru ddeskriva l-post li għandu 50 sodda bħala wieħed “state-of-the art.”
Din l-aħbar issegwi l-inawgurazzjoni ta’ sala b’investiment ta’ miljun ewro f’Monte Karmeli, li hi l-ewwel tat-tip tagħha maħsuba għal persuni li għandhom sfida marbuta mas-saħħa mentali kif ukoll mal-abbuż tad-droga.
Dan filwaqt li diġà nbeda l-proċess għal bini ta’ sptar ġdid ta’ saħħa mentali.
Dawn l-inizjattivi huma parti mill-istrateġija tal-Gvern biex issir qabża ta’ kwalità fil-kura għall-problemi ta’ saħħa mentali, bil-Prim Ministru Robert Abela jsemmi din il-prijorità meta nhar il-Ġimgħa li għadda kien qed jindirizza konferenza bit-tema l-Istat tan-Nazzjon.