Wara s-suċċess tal-Valletta 2018, bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura, dalwaqt se jibda l-proċess ta’ sottomissjonijiet inizjali għat-tieni opportunità ta’ belt Maltija jew Għawdxija biex tkun il-kapitali Ewropea tal-Kultura.
Dan kien mħabbar waqt seminar li sar fit-Teatru Manoel.
Il-proċess tas-sottomissjonijiet ħa jkun immexxi mill-Agenzija Kulturali għall-Belt Valletta u ħa jkun maqsum fi tliet fażijiet, bl-ewwel fażi ta’ dan il-proġett tistieden lil-lokalitajiet kollha interessati sabiex jissottomettu l-proposta tagħhom.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef sostna li wara l-esperjenza tal-2018, l-Aġenzija tinsab lesta biex tmexxi l-proċess li jmiss.
“Dan il-proċess jiftaħ bejn l-ewwel ta’ Jannar li ġej u jagħlaq Marzu 2021, imbagħad lil hinn minn dak il-proċess jibda proċess ieħor, wieħed iebes ħafna fejn tibda tinħoloq viżjoni kulturali, artistika, soċjali u ekonomika għal dawk li jkunu wrew dan l-interess”.
Is-Sur Micallef ħeġġeġ lil kull lokalità u reġjun f’pajjiżna biex titfa’ s-sottomissjoni tagħha għaliex il-belt li se tiġi magħżula mill-Unjoni Ewropea se jkollha opportunità li tkompli tiżviluppa
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera sostna li avveniment bħal dan huwa importanti għaliex il-kultura tagħna hija l-mera tas-soċjetà.
Saħaq li b’hekk din l-industrija, li tant hija importanti għat-turiżmu, trid dejjem tkompli titkattar.
“Aħna rridu li meta nerġgħu nirreplikaw, nerġgħu nirreplikaw is-suċċess li kellna qabel. Biex tagħmel dan l-affarjiet iridu jsiru kif suppost, irid isir investiment qawwi kif sar qabel fejn jkollok nies b’esperjenza u b’viżjoni biex jagħmlu dan il-proċess ta’ suċċess u jien persważ li jsir hekk”.