Mill-introduzzjoni tal-Qorti tad-Droga fl-2015, mitejn tmienja u sebgħin (278) persuna temmew b’suċċess il-pjan ta’ kura provdut mill-bord u ħadu ħajjithom lura mill-ġdid.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika, f’Raħal Ġdid, dwar ir-riforma għall-ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-droga.
“Matul din il-konsultazjoni pubblika mal-pubbliku inġenerali tajt dettalji dwar dawk li kienu stejjer ta’ suċċess mill-2015 ‘il quddiem fejn kellek 278 persuna li temmew b’suċċess il-programm li ngħataw u hemm mal-115 li bħalissa għaddejjin minn dan il-proċess u wieħed jittama li jtemmu b’suċċess ukoll dan il-programm u dawn in-numri ċertament jimlewna bil-kuraġġ. Jimlewna bil-kuraġġ biex inkomplu nibnu fuq it-tajjeb miksub u nassiguraw ukoll li s-sistema taqbad lil dawk li b’xi mod jew ieħor mhumiex każi ġenwini.”
Il-Ministru Jonathan Attard
Ġie spjegat li kien hemm 150 każ fejn il-vittmi tad-droga ma ħadux l-opportunità li jirriabilitaw ruħhom u għalhekk intbagħtu lura l-Qorti biex jingħataw il-piena mistħoqqa.
Din il-laqgħa mal-pubbliku ssegwi diskussjoni li saret matul din il-ġimgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha involuti fis-settur.