27,600 pjanta qed jagħtu l-ħajja lill-itwal ġnien vertikali f’Malta, hekk kif dan l-investiment ambjentali ta’ €500,000 fil-Marsa-Ħamrun Bypass dalwaqt ikun lest.
Dan il-ħajt imħaddar ġdid qed jgħatti l-ħajt tal-konkos twil 350 metru, aktar mit-tul ta’ 3 grounds tal-football, mal-ġenb tal-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Bypass, f’Santa Venera.
Fi ftit ġimgħat oħra, eluf ta’ persuni se jibdew igawdu din l-esperjenza ambjentali huma u għaddejjin minn din it-triq biex jaslu fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Kemm-il darba t-temp jippermetti, ix-xogħlijiet kollha jkunu lesti x-xahar id-dieħel.
Is-sajf li għadda, il-kuntratturi tal-proġett bdew jarmaw fil-post l-istruttura speċjalizzata ta’ dan il-ġnien vertikali. Din saret b’materjali riċiklabbli li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u b’disinn apposta biex jonqos ir-riskju ta’ ħsara lill-istruttura tal-ħajt warajha. Fiha wkoll sistema ta’ tisqija awtomatika mqabbda ma’ ġibjun taħt l-art li Infrastructure Malta żviluppat fil-ġonna ta’ skola fl-istess inħawi, meta nbniet mill-ġdid il-Marsa-Ħamrun Bypass fl-2018. Il-kuntratturi waħħlu wkoll cameras tas-sigurtà biex jiskoraġġixxu s-serq u l-vandaliżmu.
Din il-ġimgħa l-ħaddiema bdew l-aħħar fażi tal-proġett, billi qegħdin ipoġġu l-ewwel 14,300 pjanta minn total ta’ 27,600 waħda li se jkunu qed jikbru fuq dan il-ħajt. Qed jużaw diversi speċi ta’ pjanti biex joħoloqu disinn bil-kuluri differenti tal-weraq u l-fjuri.
Il-kuntratturi se jibqgħu jieħdu ħsieb dan il-ħajt għal diversi snin. Infrastructure Malta u Ambjent Malta se jsegwu l-andament ta’ din l-infrastruttura ħadra sabiex jevalwaw kif tista’ tiġi adottata f’postijiet pubbliċi oħrajn.
Fi żjara fuq il-post dalgħodu, il-Ministru Ian Borg fakkar kif l-ewwel sar investiment fl-infrastruttura tat-triq biex jonqos it-traffiku, u issa qed isir investiment biex jitħaddru t-toroq ta’ madwarna.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-kunċett ta’ green walls se jkompli jikber tul is-sena li ġejja hekk kif hemm maħsuba tliet proġetti oħra f’zoni industrijali u ieħor f’Kordin.
Fakkar kif min Jannar, il-Kunsilli Lokali wkoll jistgħu japplikaw għal dawn il-proġetti u jieħdu 105% tal-fondi biex ikollhom għall-manutenzjoni wkoll.