276 żiemel Franċiż inkitbu sabiex jiġru fis-26 tiġrija li jiffurmaw parti mill-kampjonat Le Trot għall-klassijiet Premier, Gold, Silver, Bronze u Copper li ngħata bidu għalih il-Ġimgħa, s-Sibt u l-Ħadd fil-Korsa tal-Marsa. Fost dawn 27 debuttant fejn kulħadd issielet sabiex jipprova jakkwista wieħed mill-postijiet fis-semi finali f’tiġrijiet b’distanza ta’ 2640m.
F’temp li ma tantx kien favorevoli t-tliet programmi saru kif previst fejn l-aktar li spikkaw kienu l-erba’ tiġrijiet tal-klassi Premier li taw l-ewwel rebħiet f’Malta lid-debuttant Ultra de Vindecy u Amour du Loup it-tnejn ġejjin mill-istess stalla u t-tnejn misjuqa minn Michael Ellul kif ukoll lid-debuttant Utopiste misjuq minn Jesmar Gafa’. Minn naħa tiegħu Again Madrik irreġistra r-raba’ rebħa tiegħu misjuq minn Clint Vassallo.Kellna diversi żwiemel li kkonfermaw il-forma li għaddejjin minn dan l-istaġun fejn komplew żiedu fir-rebħhiet tagħhom bħal Cesar du Bouillon li rreġistra l-għaxar rebħa tiegħu, Un Amour du Pont bis-sitt rebħa tiegħu, il-ħames rebħa għal Titan de Tincques u Concerto Cehere u r-raba’ rebħa għal Cherie de Noyelles u Swan des Tesnieres.
F’dawn it-tliet programmi rajna diversi żwiemel joħorġu rebbieħa għall-ewwel darba f’Malta bħal Chahuteur, Tenor de Passage, Americain des Clos, Uno Prior, Unique du Gabaron, Vibrato Eleven, Balzan u Vasco du Chateau dan barra d-debuttanti Desir de Jiel u Blue Winner.
Fit-tiġrijiet l-oħra rajna rebħiet għal Desir La Douve, Suro du Cornillet, Velin du Roc, Velvety Ranais, Ripsos de Fa u Devil Somolli.
Is-sewwieq Rodney Gatt kompla jżid ħames rebħiet oħra biex għal darb’oħra kien l-aħjar sewwieq minn dawn it-tliet programmi. Nhar il-Ħadd li ġej ikollna kompetizzjoni oħra mill-aktar mistennija fejn iż-żwiemel tal-klassi Premier jippruvaw jakkwistaw post fil-finali tat-Tazza tal-President.
Ritratt: Alex Azzopardi