Fl-aħħar siegħat fiequ 67 persuna oħra mill-Covid-19 f’Malta u feġġew 129 każ minn fost 3,523 test li saru fl-aħħar 24 siegħa. S’issa fiċ-ċentri tal-ittestjar f’Malta u Għawdex saru 355,515-il test. Dan ikkonfermatu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, hi u tagħti rendikont tal-imxija f’Malta.
Din il-ġimgħa saru wkoll 161 test fl-ajruport, li minnhom tmien persuni rriżultaw fil-pożittiv. B’kollox fl-ajruport saru 1,671 test li minnhom, 57 persuna rriżultaw fil-pożittiv. B’rabta mal-ivvjaġġar għall-btajjel, il-Professur Gauci ħeġġet biex dak li jkun, apparti li jsegwi l-mezzi ta’ mitigazzjoni f’kull post, jagħmel ukoll riċerka tas-sitwazzjoni tal-pajjiż fejn ikun se jsiefer u jżomm moniteraġġ anke tiegħu.
Hi u twieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, il-Professur Gauci ċċarat ukoll il-klassifika attwali ta’ Malta fejn jidħlu imwiet ta’ persuni li jkunu pożittivi bil-Covid-19, meta mqabbel ma’ pajjiżi Ewropej oħra.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika stqarret: “Infatti, jekk inħarsu lejn in-numru ta’ każijiet għal kull mitt elf persuna tal-popolazzjoni, Malta għandha 316. Jekk inħarsu lejn il-klassifika, qiegħda fl-20 post fost il-pajjiżi l-oħra.
Il-Professur Gauci qalet li fost l-aktar affarijiet inkwetanti f’din l-imxija hija l-folol ta’ persuni li ġieli naraw anke fuq il-midja soċjali li jkunu ltaqgħu fil-pubbliku bla ma segwew il-miżuri ta’ mitigazzjoni, għaliex jistgħu jkunu huma stess li jferrxu dan il-virus.
Hija sostniet: “Importanti li nibqgħu nsegwu l-mezzi ta’ mitigazzjoni, li se jibqgħu hemm, u ma naqtgħux qalbna li naħsbu li mhux jaħdmu għaliex il-każijiet baqgħu l-istess jew żdiedu. Kien previst li seta’, kieku m’għamilniex dan kollu, ikollna aktar żieda. Inħeġġeġ lill-pubbliku kollu jibqa’ jimxi mal-miżuri kollha u aħna dejjem nimmitigaw il-pandemija ta’ quddiemna.”