Freddie Mercury. Leġġenda fix-xena tal-mużika li 27 sena ilu, fl-24 ta’ Novembru 1991, tilef ħajtu kawża ta’ kumplikazzjonijiet tal-AIDS. Fl-età ta’ 45 sena, Farrokh Bulsara, magħruf bl-isem Freddie Mercury, kellu jħalli din id-dinja wara karriera mimlija u mżewqa minn kisbiet eċċezzjonali fid-dinja tal-mużika. Iżda minkejja li Mercury kiseb ħafna suċċessi matul ħajtu, ma jfissirx li ma kellux mumenti diffiċli.
Filwaqt li ftit huma dawk li qatt ma semgħu b’Freddie Mercury, żgur mhux forsi li wieħed sema’ b’xi kanzunetta jew oħra. Minn Don’t Stop Me Now, għal We are the Champions għall-kanzunetta Bohemian Rhapsody, Mercury flimkien mal-grupp mużikali tiegħu, Queen, dejjem issorprendew lis-segwaċi tagħhom.
Kien proprju ftit tal-ġimgħat ilu li d-dinja setgħet idduq ftit mill-ħajja ta’ Mercury u l-mixja tal-Queen fid-dinja tal-mużika. Dan hekk kif fl-24 ta’ Ottubru tnieda l-film “Bohemian Rhapsody” bil-karattru ewlieni, Freddie Mercury, jkun interpretat minn Rami Malek.
Il-film issorprenda lil kulħadd, u kemm jekk tkun fanatiku tal-mużika tal-Queen u anke jekk forsi smajthom ta’ darba kultant, il-film niżel għasel ma’ kulħadd.
Għalkemm ilu 27 sena nieqes, Freddie Mercury xorta għadu maħbub – kemm hu u kif ukoll il-mużika u l-legat li ħalla warajh.