Sebgħa u għoxrin lokalità madwar il-gżejjer Maltin ser igawdu minn skema għal titjib u żamma ta’ spazji miftuħa, b’finanzjament li jlaħħaq is-sitt mija u sebgħin elf ewro.
Dawn il-lokalitajiet b’hekk ser ikunu mgħejjuna jinvestu fiż-żamma ta’ proġetti kapitali li jkunu saru fil-passat, b’mod speċjali proġetti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini bħal outdoor gyms.
B’hekk ser tkompli tkun żgurata l-aċċessibbiltà u s-sigurtà ta’ dawn l-ispazji.
Id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali, Natalino Attard stqarr kif il-kunsilli lokali madwar il-pajjiż ikkonkorrew bi ħġarhom għal din l-iskema.
Attard spjega, “L-iskema li ħarġet is-sena l-oħra illi kienet immirata biex il-kunsilli lokali jiżviluppaw u jtejbu l-playing fields tagħhom, kienet waħda li kellna konkorrenza qawwija mill-kunsilli lokali. Fil-fatt ġew evalwati sebgħa u għoxrin Kunsill Lokali li ser ikunu qed jingħataw il-fondi dalwaqt.”
Fid-dawl ta’ dan il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali, José Herrera ħabbar it-tiġdid ta’ din l-iskema għal sena oħra fejn ħeġġeġ aktar kunsilli lokali sabiex jieħdu l-opportunità li jgawdu minn din l-għajnuna.
Il-Ministru Herrera sostna, “L-idea hi illi ċ-ċittadini tagħna, l-familji tagħna u ż-żgħażagħ tagħna jkollhom post sigur fejn iqattgħu parti mill-ħin liberu tagħhom f’atmosfera ambjentali. Tant kienet suċċess din l-iskema illi din is-sena bi ħsiebna noħorġu skema oħra simili. Nieħu gost jekk il-kunsilli lokali jerġgħu kif għamlu s-sena l-oħra jikkonkorru.”