27 rekluta ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew b’suċċess il-kors ta’ taħriġ għar-rekluti.
It-taħriġ, li dam seba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u inkluda aspetti fiżiċi u akkademiċi.
Dan il-kors, li hu wieħed akkreditat fil-livell MQF4 mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, se jwassal biex dawn il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna.
B’kollox f’dan il-kors ġew mgħallma 63 suġġett, fosthom l-etika, id-diversità, il-liġijiet ta’ Malta, regoli u proċeduri, investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal fuq siti elettroniċi, offiżi sesswali u għarfien dwar is-saħħa mentali, fost oħrajn.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri saħaq mal-membri l-ġodda tal-Korp tal-Pulizija li l-uniformi l-ġdida tfisser il-fiduċja li l-poplu qed jislifhom.
“Deħlin fil-korp fi żmien fejn għaddejjin riformi biex il-Korp jilqa’ għall-isfidi moderni. Riformi u tibdil li wasslu għal tnaqqis fir-rata tal-kriminalità u għal żieda fil-fiduċja tan-nies. Il-ġurament li ħadtu jfisser ukoll responsabbiltà kbira li se ġġorruha u ssarfuha b’għemilkom. Qisu li f’kull ħaġa li tagħmlu u bil-mod kif taġixxu tridu l-ewwel u qabel kollox tassiguraw il-ġid komuni. Huwa għalhekk li l-gvern qed jagħti l-għodda lill-Korp biex joffrilkom aktar taħriġ f’diversi oqsma,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-Ministru kompla jgħid li l-ġurament tal-ħatra hu biss il-bidu tal-karriera tagħhom f’korp fejn qed jersaq dejjem aktar qrib iċ-ċittadin fil-komunità biex joffri ambjent aktar sigur, ikun spalla ma’ spalla maċ-ċittadin u jkun ta’ ħarsien għal min huwa vulnerabbli.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, filwaqt li awgura lill-Pulizija l-ġodda, appellalhom biex minn issa ’l quddiem jagħrfu li qed jingħataw identità u li 24 siegħa kuljum ikunu denji tal-uniformi li ngħataw il-privileġġ li jilbsu llum għall-ewwel darba.
“Kunu kburin daqsi li tilbsu din l-uniformi sabiex b’ħidmietkom twettqu l-missjoni tal-Korp dik li nipprovdu servizz professjonali u fdat biex niżguraw pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità,” temm jgħid il-Kummissarju Gafà.
Matul iċ-ċerimonja saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premjijiet tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi. Fl-ewwel post hemm Nathan Briffa, segwit minn Ileisia Scicluna. Fis-suġġetti prattiċi, l-ewwel post mar għand Kevin Cachia u t-tieni post għand Daina Lee Camilleri.
Il-premju tar-rekluta l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors u ngħata il-“PC Mark Farrugia Award”, ingħata lil Kevin Cachia.