27 kumpanija infetħet f’Malta grazzi għall-Individual Investor Programme (IIP), skont l-informazzjoni li għandha Identity Malta.
Dawn il-kumpaniji nfetħu minn 23 applikant għall-Individual Investor Programme li waslu fl-istadju li jiddepożitaw l-ammonti rikjesti fl-IIP Account.
Dan ħareġ minn informazzjoni preżentata fil-Parlament illejla.
Fi tweġibiet għal numru ta’ mistoqijiet Parlametari preżentati lill-Ministru għal Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokal, ħareġ li sat-30 t’April 2016 kien hemm 143 applikant illi lestew il-proċess kollu rikjest mill-Individual Investor Programme (IIP) b’suċċess.
Minn dawn kien hemm 116-il applikant illi krew propjetà b’investiment totali ta’ €12,245,835.88 fuq perjodu ta’ 5 snin.
Dan filwaqt illi kien hemm 27-il applikant li xtraw propjetà b’investiment totali ta’ €25,475,744.41.
Dan kollu, kien innotat, jawgura tajjeb għal iktar tkabbir tal-ekonomija Maltija.
Barra minn hekk, minn meta beda l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment sat-30 t’April 2016, kien hemm 68 għotja illi ngħatat lil għaqdiet filantropiċi, organizazzjonijiet non-governattivi jew organizazzjonijiet simili, b’total globali ta’ €791,900.
Għal domanda dwar kemm daħlu applikazzjonijiet taħt l-iskema tal-Individual Investor Programme (IIP) minn meta beda jitħaddem il-programm, intqal li sat-18 ta Marzu 2016 Identity Malta rċeviet 1128-il applikazzjoni għal-residenza li minnhom kien hemm 610-il applikazzjoni li komplew għaċ-ċittadinanza.