27 ċiklist se jżuru tliet pajjiżi ażjatici – il-Vjetnam, Laos, u l-Kambodja, biex flimkien jagħmlu l-isfida tal-Life Cycle għal din is sena. Din se ssir bejn it-12 u l-21 ta Settembru li ġej.
LifeCycle Malta hija l-unika NGO f’Malta li taħdem għal aktar għarfien dwar il-mard tal-kliewi. Hija tiffoka wkoll fuq għarfien dwar it-trattamenti u r-riċerka li jsiru dwar is-suġġett. L-għaqda ilha tagħmel dan it-tip ta’ xogħol għal dawn l-aħħar għoxrin sena.
Waqt it-tnedija tal-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Ministru Chris Cardona qal li din l-għaqda għandha tkun ispirazzjoni għal oħrajn, hekk kif il-membri tagħha kull sena jingħaqdu biex jagħtu il-ħin, il-flus u t-talenti tagħhom biex jgħinu lil ħaddieħor.
L-Organizzatur ta’ LifeCycle, Alan Curry, qal li din is-sena l-kumpanija Nestlé li hija l-isponsor ewlieni tal-LifeCycle, tat donazzjoni ta €35,000. €25,000 minn dawn se jmorru għal programm ġdid ta’ riċerka, u €10,000 oħra se jmorru għar-renal Unit Support Hub f’Malta.
Biex wieħed jagħti d-donazzjoni tiegħu lejn din il-kawża ġusta jista’ jżur is-sit www.lifecyclefoundation.com.