Parti importanti tal-preparazzjonijiet għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fl-2017, huwa t-taħriġ li ngħata lil 269 uffiċjal Malti.
Dan it-taħriġ huwa mportanti, hekk kif dawn l-uffiċjali se jkollhom responsabbiltajiet differenti fosthom it-tmexxija ta’ numru ta’ laqgħat f’Malta u Brussell. Dan it-taħriġ speċjalizzat ingħata mill-École Nationale d’Administration.
Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ian Borg spjega kif il-mod ta’ kif dawn l-uffiċjali se jkunu qed jaħdmu tul il-Presidenza huwa fattur importanti li se jiddetermina l-kwalitá u l-livell tal-Presidenza f’pajjiżna. Huwa stqarr li l-uffiċjali jeħtieġ li jkunu kapaċi jsibu kompromess u joffru soluzzjonijiet matul laqgħat importanti bħala parti mill-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.
125 minn dawn l-uffiċjali se jkunu qed jaħdmu fi Brussell u ingħataw taħriġ mill-ENA. Dan it-taħriġ kien jikkonsisti f’ħames lezzjonijiet bejn Mejju u Ottubru 2016, kemm f’Malta kif ukoll fi Brussell.
Permezz ta’ twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li huwa kburi b’dawn l-uffiċjali li spiċċaw dan it-taħriġ u se jkunu strumentali fil-ħidma tal-Presidenza.
Proud of 300 #Malta public servants finishing their training for #MT2017EU Presidency with @ENA_fr -JM
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) October 6, 2016