Mis-servizz ta’ trasport b’xejn għall-istudenti kollha f’pajjiżna, qed jibbenefikaw aktar minn 26,000 student. 14,000 li jattendu fi skejjel tal-istat, u 12,000 fi skejjel tal-Knisja u Indipendenti.
Dan filwaqt li l-ispiża li qed jiffrankaw il-ġenituri li kienu jħallsu għal dan is-servizz, li beda jkun pprovdut bla ħlas mill-Gvern minn din is-sena skolastika, hija ta’ madwar €550 fis-sena għal kull wild.
Dan filwaqt li huwa stmat li qed ikun hemm tlett elef karozza inqas fit-toroq fil-ħinijiet li jiftħu l-iskejjel.
Biex kollox ma’ kollox, il-benefiċċju ekonomiku li qed tħalli din il-miżura huwa ta’ €14.3 miljun.
Dan skont stħarriġ li sar mal-ġenituri mill-kumpanija tal-awdituri Grant Thornton, li rriżulta kif mat-30%ta’ min qed juża s-servizz, ma kienx jużah is-sena li għaddiet.
George Vella, minn Grant Thorton, spjega l-benefiċċju sostanzjali frott din l-inizjattiva:
“L-istimi ta’ kemm inqalgħu karozzi minn fuq it-traffiku, u kemm hemm benefikat soċjali u ekonomiku, qed juru figura inkoraġġanti li l-ispiża tal-Gvern hija inqas mill-benefikat li qed jinħass mingħand il-ġenituri li qed jużaw is-servizz.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima bakkar maċ-ċkejknin li jattendu l-iskola Primarja ta’ Pembroke u ra kif qed taħdem is-sistema tat-trasport:
“Wieħed irid isemmi wkoll il-fatt li dan huwa proċess kontinwu, fejn qegħdin naraw li fiż-żmien li ġej ikollna l-introduzzjoni ta’ apparat teknoloġiku li permezz tiegħu, il-ġenituri jkunu jistgħu minn fuq il-mowbajl tagħhom jiċċekkjaw proprju fejn waslu uliedhom.”
Minkejja l-frott li diġà ħalliet din il-miżura fi tliet ġimgħat, il-Ministru għall-Edukazzjoni qal li għad hemm mijiet oħra li għadhom mhux jinqdew.
“Irridu nkomplu naħdmu nagħmlu dak kollu possibbli biex ikollna aktar kumpaniji li jinvestu biex iġibu vetturi u naraw kif inħajru u nħarrġu iżjed persuni biex iġorru l-vetturi ħalli dan is-servizz ikun jista’ jilħaq lil kulħadd.”