250 persuna li jaħdmu fil-qasam tal-kultura se jibbenefikaw minn taħriġ b’investiment ta’ miljun ewro, parzjalment Fondi Ewropej.
It-taħriġ se jibbenefikaw minnu persuni li xogħolhom huwa li jgħinu lill-artisti jtellgħu l-ispettaklu. Persuni li iridu jkunu fuq il-kotba ta’ entitajiet kulturali bħal Teatru Manoel, Dar il-Meditteran u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, tkellem dwar l-importanza ta’ dan it-taħriġ u qal li issa mhux biss qegħdin ninvestu fl-artisti imma anki f’dawk li jgħinuhom.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici faħħar dan il-proġett, li se jkompli jsaħħaħ is-settur kulturali lokali. Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità ta’ dawn il-ħaddiema biex jipprovdu servizz pubbliku aħjar fil-qasam tas-settur kulturali u kreattiv.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li dawn huma fondi Ewropej li se jmorru biex nagħtu ħiliet u opportunitajiet ġodda lil dawk li jaħdmu f’din l-industrija.