Matul l-2020, is-servizz ‘Sharing Lives’ fi ħdan Aġenzija Sapport irċieva l-kontribut ta’ 26 voluntier, kemm Maltin kif ukoll barranin. Bħala rikonoxximent ta’ dan, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru Aġenzija Sapport tellgħet attività ta’ apprezzament onlajn għal dawn il-voluntiera b’rikonoxximent lejn il-ħidma tagħhom għall-benefiċċju ta’ klijenti li jagħmlu użu mis-servizz ta’ ‘Sharing Lives’.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, permezz ta’ messaġġ onlajn, faħħret din l-inizjattiva u rringrazzjat lis-26 voluntier u lill-istaff tal-Aġenzija għall-kontribut tagħhom permezz tas-servizz ‘Sharing Lives’. Din il-ħidma, minkejja ż-żmien ta’ sfida li ppreżentat din il-pandemija, xorta baqgħet għaddejja biex il-persuni b’diżabbiltà jibqgħu jirċievu s-sapport li hemm bżonn. Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet dan il-Gvern bħala wieħed soċjali hekk kif is-suġġett tad-diżabbiltà issa jinsab fuq livell ministerjali u għall-ewwel darba hemm Ministeru ddedikat għall-Inklużjoni u għad-Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà. Qalet li tħares ‘il quddiem biex taħdem id f’id ma’ Aġenzija Sapport lejn iżjed inklussività fis-soċjetà tagħna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, irringrazzjat lill-voluntiera kollha li mingħajrhom ma kienx ikun possibbli li jkunu organizzati ‘l fuq minn mitt attività soċjali matul din is-sena minkejja l-isfidi u dan ikompli juri l-impenn tal-Aġenzija biex tkun flessibbli u twassal servizzi effettivi lill-persuni b’diżabbiltà skont il-ħtieġa. Għall-Aġenzija, il-voluntiera ta’ Sharing Lives huma parti importanti mit-tim kollu tal-Aġenzija u l-kontribut tagħhom hu ingredjent siewi u li se jkompli jissaħħaħ.
Permezz ta’ dawn il-voluntiera u l-ħaddiema fi ħdan l-Aġenzija Sapport li jmexxu dan is-servizz, matul l-2020 ibbenefikaw 65 persuni b’diżabbiltà. Minkejja s-sitwazzjoni tal-Covid-19, xorta Aġenzija Sapport adattat l-attivitajiet u l-inizjattivi sabiex ‘Sharing Lives’ ikompli. Matul dan il-perjodu spikkaw l-attivitajiet online kif ukoll it-talbiet għal kuntatt soċjali, jiġifieri, laqgħat bejn voluntiera u benefiċjarji fuq bażi individwali aktar milli fi gruppi.
Ġew organizzati wkoll diversi attivitajiet fosthom sessjonijiet ta’ rugby, sajd, mixjiet u sessjonijiet ta’ arti u ta’ mużika fost l-oħrajn. Minbarra l-kontribut siewi tal-voluntiera, kien hemm ukoll il-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet li mingħajrhom uħud mill-attivitajiet ma setgħux isiru. Dawn jinkludu The Brian Foundation, YMCA, Aġenzija Sedqa, RMJ, Malta Rabbit Club, Science in the City u l-Ġiżwiti.
L-għan ta’ ‘Sharing Lives’ hu li joħloq opportunitajiet fejn voluntiera u persuni b’diżabbiltà jaqsmu esperjenzi flimkien filwaqt li jinħoloq kuntatt soċjali speċjalment għal dawk il-persuni b’diżabbiltà fejn is-sapport huwa limitat jew mhux eżistenti. Din kienet ukoll l-ewwel sena minn meta dan is-servizz ġie estiż f’Għawdex.
Dawk il-persuni li jixtiequ jagħtu ftit mill-ħin tagħhom lil ‘Sharing Lives’, fosthom studenti, professjonisti jew organizzazzjonijiet kemm minn Malta u anke minn Għawdex, jistgħu jikkuntattjaw lil Aġenzija Sapport fuq Freephone 153 jew 2256 8000 (Malta) jew 2156 9909 (Għawdex). Jingħata taħriġ meħtieġ lill-voluntiera kif ukoll superviżjoni u sapport kontinwu biex l-esperjenza tkun ukoll opportunità għall-voluntier biex jikber personalment. Il-voluntiera jistgħu jkunu studenti fl-iskejjel post-sekondarji jew fl-Università. Jingħata ċertifikat lil dawk li jkunu taw 30 siegħa jew aktar ta’ servizz.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt jew isegwi fuq il-midja soċjali.
Ritratt (MISW)