It-total ta’ persuni li mardu bil-Coronavirus f’pajjiżna u li issa ġew iddikjarati ħielsa mill-istess virus, huwa ta’ 294, wara li fl-aħħar sigħat fiequ 26 persuna oħra.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li fl-aħħar sigħat saru 559 test, u ħareġ biss każ wieħed li kien pożittiv. Dan huwa raġel ta’ 52 sena li beda bis-sintomi ta’ deni, uġigħ fil-ġogi, għejja u uġigħ ta’ ras fit-23 ta’ April. Huwa kellu biss kuntatt mal-membri tal-familja.
In-numru ta’ persuni nfettati f’Malta mindu feġġ l-ewwel każ, tela’ għal 448. Jekk wieħed inaqqas il-persuni li fiequ u l-erbgħa li mietu minħabba l-COVID-19, il-każijiet attivi f’Malta ta’ Coronavirus huma 195.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat: “In-numru ta’ każijiet li fiequ dejjem qed jiżdied u aħna għandna sitwazzjoni fejn sforz il-ħidma li kienet qiegħda ssir u anki l-każijiet li qed jiġu affettwati kienu pjuttost nies li kellhom etajiet żgħar u dawn in-nies, il-maġġoranza tagħhom, ma kellhomx għalfejn jidħlu l-isptar, komplejna nsegwuhom ta’ kuljum permezz tal-kura primarja u anki dawk il-pazjenti, il-ftit li kellna, ġol-isptar, irnexxielhom ifiqu wkoll.”
Minkejja li fl-aħħar sigħat kien hemm każ wieħed biss, il-Professur Gauci appellat biex in-nies jibqgħu josservaw il-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Professur Charmaine Gauci sostniet: “Irridu nevitaw sitwazzjonijiet fejn ikollok numru ta’ nies li ltaqgħu ma’ xulxin għaliex inti hemmhekk ħa żżid iktar ir-riskju u allura importanti li kemm jista’ jkun inżommu dejjem ma’ dawk il-membri tal-familja tagħna, tal-household tagħna, għaliex inti dejjem tkun qed tnaqqas ir-riskju li tista’ tilaqa’ ma’ persuni oħrajn li jista’ jkollhom il-virus.”