26 organizzazzjoni volontarja li jaħdmu fil-kamp tal-piroteknika, ibbenefikaw minn total ta’ €170,000 bil-għan li jiġu investiti għal aktar saħħa u sigurtà fil-kmamar tan-nar.
Dan il-fond, immaniġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti, jiffaċilita aktar investiment biex tissaħħaħ l-infrastruttura ta’ dawn il-kmamar tan-nar u sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jaħdmu f’ambjent aktar sikur.
Kull proġett eliġibbli seta’ jingħata sa massimu ta’ €5,000.
Il-kmamar tan-nar jinsabu f’bosta lokalitajiet fil-gżejjer Maltin, u jservu ta’ fulkru għal festi Maltin. Il-kultura lokali tan-nar tmur lura għal għexieren ta’ snin u hija kkunsidrata bħala attrazzjoni kulturali turistika lokali, u tifforma parti mill-wirt kulturali Malti.
Dan il-fond jagħti appoġġ għal organizzazzjonijiet volontarji li jibbenefikaw sabiex jinvestu f’apparat u armar biex itejbu s-sigurtà, makkinarju u għodda.
Apparti minn aspetti ta’ sigurtà fil-produzzjoni, il-fond jara li jkun hemm iktar investiment f’riżorsi ta’ edukazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà, investiment f’infrastruttura u restawr tal-kmamar tan-nar u biex ikun ta’ appoġġ għat-tisħiħ ta’ kooperazzjoni fuq livell Ewropew.
Waqt attività tal-okkażjoni, id-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija Mary Ann Cauchi rreferiet għall-Istrateġija 2025 tal-Kunsill Malti għall-Arti u għall-għanjiet tagħha, fosthom l-appoġġ u l-promozzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu s-suċċess tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Spjegat li fondi ta’ din is-sura jagħtu sapport lil komunitajiet lokali u jgħinhuom jikbru b’mod sostenibbli.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spejga li dawn l-organizzazzjonijiet, li jaħdmu fuq bażi volontarja, dejjem ifittxu li joħolqu modi innovattivi biex jorbtu t-tradizzjoni ma’ kreazzjoni moderna, u permezz ta’ dan il-fond, il-Gvern qiegħed jiżgura ukoll li jinħoloq ambjent b’inqas periklu għad-dilettanti u voluntiera li tant jaħdmu fil-kmamar tan-nar.
Ritratt ewlieni: Shutterstock