B’investiment ta’ żewġ miljun ewro tlestew il-pedamenti u beda x-xogħol fuq il-ġebla sabiex titla’ binja ta’ akkomodazzjoni soċjali fi spazju ta’ disa’ mija u ħamsin metru kwadru fil-Qrendi.
B’kollox se jinbnew sitta u għoxrin appartament u dawn jagħmlu parti minn proġett ta’ elf u seba’ mitt appartament ieħor mifruxin fi tlettax-il lokalità u huwa l-ikbar proġett fost proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali oħrajn.
Fuq il-lant tax-xogħol, il-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija li tieħu ħsieb l-immaniġjar tal-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali spjega kemm ħa jkun fih appartmenti dan is-sit.
Qal kif, “Hawnhekk ħa jkun hawn sitta u għoxrin appartament u madwar għoxrin garaxx li qiegħed fil-qalba tal-lokalità tal-Qrendi. Ovvjament ħa jkun lest ix-xogħol tal-bini iżjed tard matul din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla u mbagħad wara ikun imiss xogħol ieħor bħal ma huma l-aperturi, is-sistemi tad-dawl u tal-ilma, dak kollu li għandek bżonn biex tgħix ġo akkomodazzjoni komda tal-lum il-ġurnata.”
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fakkar li filwaqt qed jinbnew appartamenti ġodda, qed isir xogħol ta’ tisbiħ fl-appartamenti l-oħra li ilhom mibnija.
Spjega, “M’hemmx dubju li aħna l-isfida tagħna hi li ngħinu lill-familji, aħna kull familja li għandha bżonn jew hi vulnerabbli l-viżjoni ta’ dan il-gvern hi li l-immobbilità soċjali biex hi stess tkun tista’ jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar.”