Tul il-pandemija, il-ħidma diretta tad-Dipartiment responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol wasslet biex ġew salvati l-impjiegi ta’ aktar minn 25,0000 ħaddiem.
Qal dan il-Ministru Carmelo Abela, meta fil-Parlament, kien qed jitkellem dwar il-ħidma ta’ dan id-Dipartiment, waqt il-pandemija u fil-fażi li jmiss hekk kif pajjiżna kkontrolla tajjeb ħafna l-imxija tal-COVID-19.
Il-Ministru Abela sostna: “Aħna nistmaw li b’kollox madwar ħamsa u għoxrin elf u ħames mitt ħaddiem, skansaw it-telfien tal-post tax-xogħol b’riżultat dirett tal-ħidma ta’ dan id-Dipartiment, ċertament li d-Dipartiment ħadem fuq li ħadem, huwa Dipartiment żgħir li m’għandux ħafna impjegati miegħu, però ċertament li kif ngħidu qamu għall-okkażjoni biex nipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, naraw l-interessi ta’ min iħaddem biex nilħqu għan komuni li l-ħaddiema jibqgħu impjegati u jgawdu minn kundizzjonijiet adegwati.”
Matul il-pandemija, id-Dipartiment fetaħ servizz ta’ assistenza bit-telefon u b’e-mail.
F’xahrejn bejn April u Ġunju daħlu aktar minn 20,000 telefonata u 6,000 e-mail.
Minn Marzu sal-lum infetħu u qed jiġu investigati 200każ li daħlu ta’ allegat abbuż fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Il-Ministru spjega li hekk kif tul il-pandemija, l-impenn kien li jiġu salvati l-impjiegi, issa trid issir ħidma biex jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda b’kundizzjonijiet xierqa għall-ħaddiema.
Huwa sostna: “Inkomplu naħdmu biex intejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tagħna, nagħtu aktar drittijiet lill-ħaddiema tagħna, ċertament li wieħed irid jara meta dan ikun l-aħjar li jsir għax nifhmu ċ-ċirkostanzi ta’ numru ta’ postijiet tax-xogħol però l-mira tagħna hi li mhux biss nipproteġu x-xogħol, mhux biss noħolqu x-xogħol, mhux biss inkomplu ngħinu lil min iħaddem u lill-ħaddiema tagħna, imma l-mira tagħna hi li nkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha.”
Intant statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika kkonfermat li f’Mejju li għadda kien hawn kważi nofs in-numru tan-nies jirreġistraw li kien hemm f’Marzu tal-2013.
Dak iż-żmien kien hemm 7,350 persuna fuq ir-registru, filwaqt li fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-elfejn u disgħa, l-ammont ta’ nies ifittxu mpjieg kien kwazi mess it-8,000.