Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, 253 entità u individwu f’diversi oqsma, fosthom tal-manifattura u l-kostruzzjoni, ġew immultati bejniethom aktar minn €100,000 wara li nstab li kienu qed jiksru l-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fi stqarrija, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – l-OHSA – qalet li bdiet proċeduri legali kontra 74 individwu minħabba nuqqasijiet serji li nstabu fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari f’siti ta’ kostruzzjoni.
L-Awtorità ħabbret li l-aktar nuqqasijiet komuni li jiltaqgħu magħhom l-uffiċjali tagħha huma n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet biex jipprevjenu waqgħat mill-għoli, u project supervisors tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jimxux mal-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni tas-saħħa u s-sigurtà.
Nuqqas ieħor li sabet l-Awtorità kien li klijenti tas-siti tal-kostruzzjoni ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-project supervisors.
Kif kien ħabbar ONE News ftit jien ilu, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol wettqet 2,177 spezzjoni f’postijiet differenti tax-xogħol kemm waqt il-ħin tax-xogħol, kif ukoll aktar tard matul il-ġurnata jew fi tmiem il-ġimgħa.
L-uffiċjali tal-OHSA ħarsu lejn numru ta’ aspetti fl-attività tax-xogħol li kien qed issir u ħadu azzjoni skont il-livell tar-riskji li kien hemm.
Wara l-ispezzjonijiet, l-uffiċjali kellhom ukoll kważi 400 laqgħa privata ma’ min hu responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà sabiex jiddiskutu temi relatati mal-ispezzjoni.
F’sitwazzjonijiet fejn il-periklu huwa sinifikanti iżda mhux għoli, jinħarġu l-hekk imsejħa improvement notices, li jagħtu struzzjonijiet lil min iħaddem biex jirrimedja s-sitwazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
Bejn Jannar u Ġunju 2022, inħarġu 357 avviżi ta’ titjib ta’ dan it-tip.
Fl-istess waqt, f’403 postijiet tax-xogħol spezzjonati, il-perikli tqiesu serji biżżejjed li setgħu jwasslu għal mewt jew ħsara fiżika serja.
F’dawn il-każijiet, l-Awtorità qalet li jinħarġu ordnijiet biex ix-xogħol jieqaf minnufih sakemm is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.
Żied jingħad li f’dawn il-każijiet kollha jinħarġu multi jew jinbnew proċeduri legali meta jintemmu l-investigazzjonijiet min-naħa tal-OHSA.
Fl-istess żmien, l-OHSA vverifikat ukoll 2,466 rapport ta’ eżaminazzjoni ta’ tagħmir u 951 formola ta’ notifika ta’ kostruzzjoni, fost oħrajn.