Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħareġ twissija dwar is-saħħa minħabba t-temperaturi għoljin fis-sajf.
Id-direttorat qal li hekk kif it-temperaturi qed ikomplu jitilgħu qed jingħata parir lill-pubbliku dwar l-importanza biex ma joqgħodx nieqes mill-ilma matul ix-xhur sħan tas-sajf.
Ġie spjegat kif temperaturi għoljin jikkawżaw telf ta’ ilma mill-ġisem b’rata mgħaġġla li jista’ jwassal għal nixfa.
Dan jista’ jwassal ukoll għal eżawriment tas-sħana jew stroke relatat mas-sħana. Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd iżda xi nies huma f’riskju akbar, bħal anzjani, trabi, tfal żgħar, nies b’kundizzjonijiet kroniċi u nies attivi fiżikament.
Sabiex jiġu evitati l-effetti ta’ din il-mewġa ta’ sħana d-Direttorat huwa tal-parir tevita kull espożizzjoni bla bżonn fix-xemx matul perjodi sħan tal-ġurnata, normalment bejn il-11.00am u l-4.00pm, tixrob l-ilma ta’ spiss u tiekola ikel aktar frisk u kiesaħ, qatt ma tħalli lil xi ħadd f’vettura magħluqa u pparkjata, speċjalment trabi, tfal żgħar u annimali u jekk ikollok bżonn li toħroġ fix-xemx, imxi fid-dell, agħmel krema protettiva u ilbes kappell.
Qed ikun irrakkomandat li tiċċekja regolarment lil xi persuni anzjani, li jkunu jgħixu waħedhom u kif ukoll dawk li huma f’riskju għoli.