Mill-bidu ta’ din is-sena sax-xahar li għadda, ħamsa u għoxrin elf persuna għamlu użu mis-servizzi li jofri din id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, id-DIER. Minbarra hekk, il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jaħdmu hawn wkoll wieġbu għal madwar sittax-il elf telefonata u tmint elef u ħames mitt email.
Waqt żjara li għamel is-Segretarju Parlametari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, fl-uffiċini tal-istess dipartiment, ġie spjegat li, f’dan il-perjodu, kien hemm sitt mija, disgħa u tmenin talba għall-investigazzjoni minn ħaddiema li qisu li ma kinux qed jiġu ttrattati kif jixraq minn min iħaddimhom.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-każi kienu minn persuni, li jkunu għadhom jaħdmu fl-istess post tax-xogħol, bi tlieta u sebgħin fil-mija minnhom ikunu investigazzjoniet ġenerali, waqt li l-bqija każi fejn ħaddiema jkunu għamlu rapport dwar negozji jew kumpaniji li ma jkunux għadhom jaħdmu magħhom.
Intqal ukoll li, s’issa, ingħataw erbgħa u tmenin liċenzja lil aġenziji tax-xogħol, magħrufin bħala temping agencies, filwaqt li disgħin liċenzja oħra għadhom qed jiġu pproċessati f’eżerċizzju rigoruż li jridu jgħaddu minnhom qabel jingħataw il-permess biex joperaw.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar ir-rinnovazzjoni li saret fid-dipartiment u saħaq li dan se jtejjeb mhux biss l-ambjent tax-xogħol għall-impjegati tad-DIER, imma wkoll is-servizz li jagħtu lill-pubbliku.
“Bħala Gvern inġeddu l-impenn tagħna biex nibqgħu ninvestu kemm fil-ħaddiema biex ikollhom postijiet tax-xogħol diċenti, però fl-istess ħin nagħtu l-aqwa servizz, servizz ta’ eċċellenza lill-poplu inġenerali biex, fl-aħħar mill-aħħar, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu ssalvagwardjati bl-aqwa mod.”
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul
Kitba ta’ Andre Mizzi