Il-ħarsien ta’ ħamsa u għoxrin elf xogħol f’pajjiżna mill-bidu tal-pandemija kien fost l-oħrajn frott l-impenn tal-gvern lejn konsultazzjoni kontinwa mal-imsieħba soċjali.
Dan intqal mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt is-summit globali tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol, li kellu l-għan li jiddiskuti l-impatt tal-pandemija Covid-19 fuq id-dinja tax-xogħol.
Dan is-summit, li ffoka fuq l-Ewropa u l-Ażja Ċentrali, ipprovda pjattaforma viżibilli u importanti għall-Gvernijiet, għall-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom sabiex jindirizzaw l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija. Hawn intqal li f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja beda l-proċess jirkupraw ekonomikament mill-pandemija. Issemmew ukoll il-metodi ta’ kif qegħdin jindirizzaw din l-isfida.
Il-Ministru Abela qal li l-gvern Malti huwa kommess li jipproteġi lill-ħaddiema u x-xogħol f’pajjiżna. Dan intwera b’mod ċar waqt il-pandemija, hekk kif il-gvern ħadem mal-imsieħba soċjali.
Huwa stqarr: “Dan għamilnieh anke b’konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba soċjali. li kien aspett importanti ħafna li ħareġ mhux biss mill-ħidma tal-gvern Malti imma mill-ħidma wkoll li saret b’mod internazzjonali.”
Il-Ministru temm jgħid ukoll li issa, l-Gvern se jiffoka ħidmietu biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.