Hemm 2,500 ħolma għas-sitt edizzjoni taċ-Children’s Dreams.
Fil-Kavalier ta’ San Ġakbu ngħataw dettalji biex dawk interessati fosthom familji u negozji jikkontribwixxu biex jinxtraw rigali tal-Milied għal tfal vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn għadd ta’ sfidi f’ħajjithom.
L-Assistent Direttur tal-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, Remenda Grech spjegat kif hemm tfal li għandhom xewqat sempliċi bħal bżonn ta’ pupi jew ġugarelli iżda imbagħad hemm oħrajn li jixtiequ aġġeġġi oħra bħal laptops.
“Għandna tifla partikolari tixtieq pupu bil-kliem fuqu dwar ommha bħala l-aqwa omm fid-dinja wara li ommha nfirdet minn bintha minħabba trattament li qed tirċievi”, spjegat Remenda Grech.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm iċ-ċkejken Quevin Ellul li minħabba li huwa nieqes mid-dawl is-sena nxtralu apparat biex jgħinu fil-‘home-work’.
Din is-sena Quevin għandu xewqa oħra li sieħbu fil-klassi jkollu l-istess apparat.
Fil-konferenza stampa tkellem ukoll il-Ministru Michael Falzon li saħaq fuq is-sens tas-solidarjetà filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li l-professjonisti li jaħdmu fil-fondazzjoni li jmexxi jmorru lil hinn minn triqthom biex il-ħolm tat-tfal isir realtà.
Dawk interessati li jikkontribwixxu fiċ-Children’s Dreams ta’ din is-sena jistgħu jidħlu fuq is-sit childrensdreams.org