Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) l-għadd ta’ nies li mietu jew għebu f’katina ta’ traġedji fil-Mediterran fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju 2016, jaqbeż l-1,000 ruħ. Dan ifisser li s’issa, din is-sena biss, mietu jew għebu fuq 2,500 ruħ fil-Mediterran. Il-bażi tal-kalkoli hija r-rakkonti ta’ migranti li kienu salvati huma u jaqsmu bil-baħar mil-Libja lejn l-Ewropa jew li rnexxielhom jaslu l-Italja.Quddiem realtà daqstant kerha, it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti trid tingħaqad mal-appell ħerqan li għamel lill-Ewropa l-Kardinal Rainer Maria Woelki ta’ Koln, il-Ġermanja, fil-Quddiesa ta’ Corpus Christi: “Min iħalli n-nies jegħrqu fil-Mediterran ikun jgħerreq ukoll lil Alla – kuljum, eluf ta’ drabi…Il-karba tagħhom għall-ġustizzja, id-dinjità u l-paċi hija wkoll il-karba ta’ Alla.”
Ferm sinifikattiv huwa l-fatt li l-artal li minnu l-Kardinal Woelki għamel din it-twiddiba, fil-pjazza ta’ quddiem il-katidral, kienet lanċa ta’ seba’ metri ta’ migranti tal-Mediterran, li kienet irkuprata mill-Forzi Armati ta’ Malta waqt waħda mill-missjonijiet tagħhom ta’ salvataġġ.