250 tifel u tifla ta’ taħt is-16-il sena, ipparteċipaw f’kompetizzjoni tal-arti ta’ Heritage Malta li saret fi żmien il-pandemija tal-COVID-19, biex filwaqt li t-tfal kienu d-dar bla skola, sfruttaw il-potenzjal artistiku tagħhom.
L-Erbgħa ġiet inawgurata l-ewwel esebizzjoni minn tlieta, bit-tema tat-tempji pre-istoriċi, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, fejn ġew magħżula u esebiti 25 tpinġija.
Mart il-Prim Ministru Lydia Abela, li wkoll hija omm, stqarret li l-arti hija importanti ħafna hekk kif tiżra’ fit-tfal sens ta’ dixxiplina, kreattività u immaġinazzjoni.
“Rajna hawnhekk sens ta’ altruwiżmu fit-tfal fejn minkejja li kif qalu huma stess, ma setgħux jiltaqgħu mal-ħbieb tagħhom u kien hemm min ma setax jiċċelebra għeluq sninu, xorta waħda ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni u llum rajna x’talent kbir għandhom.”
Il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera spjega li fil-mużew li ismu jfisser ispirazzjoni, qed jiġi esebit ix-xogħol ta’ artisti ċkejknin, u b’dan il-mod, Heritage Malta qed tilħaq kull udjenza.
“Esebizzjoni bħal din, kompetizzjoni bħal din, hija mod ta’ outreach biex inħajru ż-żgħażagħ tagħna japprezzaw dak li hawn fil-pajjiż plus inġiegħluhom iħobbu l-arti. L-arti hija l-istimolu tal-ħajja.”