Madwar 250 impjegat ta’ kumpanija Kanadiża tal-assigurazzjoni ħadu sehem f’tindif tal-bajja tal-Ġnejna organizzat mill-Għaqda mhux governattiva Nature Trust.
Dan sabiex ftit jiem qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajf, dan is-sit ta’ Natura elfejn jkun lest biex jilqa’ l-influss li jġib miegħu l-istaġun, biex titqajjem kuxjenza dwar il-plastik li jintuża darba biss, kif ukoll biex il-bajja tkun preparata jekk bħal ma ġara sena ilu, titla fekruna tbid il-bajd.
Tammy u Tyler Pritchard, żewġ impjegati tal-kumpanija Sunlife Canada, spjegaw magħna ftit mill-iskart li sabu huma u jnaddfu.
“A lot of garbage, a lot of plastic, a lot of cigarette butts and that kind of thing,” huma qalu.
Minbarra t-tindif tal-bajja, Sunlife ħasbet ukoll biex tagħmel donazzjoni sabiex jinbnew diversi bejtiet tal-injam għall-friefet il-lejl li dawn se jitqassmu lil diversi skejjel f’pajjiżna.
Il-President ta’ Sunlife Jacques Goulet spjega kif il-kumpanija għażlet lill-pajjiżna sabiex mhux biss isir sempliċiment team-building event, iżda sabiex jikkontribixxu u jtejbu l-ambjent.
“We are a company that cares very deeply about the environment and we thought that we bring the two together and give a great experience to our people at the same time as making them contribute to the environment and improve the environment so we’re delighted to be here and people are highly engaged and interested by what they’re doing,” saħaq is-Sur Goulet.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera spjega l-importanza ta’ ambjent nadif u saħaq li dak li qed isir fil-Ġnejna se jkun replikat mill-Awtoritajiet fil-ġimgħat li ġejjin fl-inħawi kollha tal-gżejjer Maltin.
“Se nibdew clean-up sħiħ ta’ Malta bl-entitajiet kollha fi ħdan il-Ministeru tiegħi flimkien mal-NGO’s. Clean-up massiġġ li se nillauncjaw dalwaqt,” qal il-Ministru. Dr Herrera saħaq ukoll dwar l-importanza li plastik li jintuża darba għandu jinqata’ darba għal dejjem.
Semma’ fost l-oħrajn l-iskema li se tiddaħħal fix-xhur li ġejjin tar-rifużjoni tal-kontenituri tal-plastik, kif ukoll il-politika dwar il-plastik li jintuża’ darba li bħalissa qiegħda għal konsultazzjoni pubblika.