25 uffiċjal tal-komunità se jibdew bil-ħidma tagħhom qalb il-komunità.
Iċ-ċerimonja tal-ħatra tagħhom saret fil-binja tal-LESA u għaliha attenda l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. Huwa spjega kif din l-aġenzija kibret fl-aħħar snin, hekk kif anke ġie trasferit lilha xogħol li qabel kien isir minn entitajiet oħra. Dan ix-xogħol jikkumplimenta investiment kbir f’dak li hu għodda tal-ħaddiema, vetturi, muturi, apparat, kif ukoll drittijiet u kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Il-Ministru fakkar kif ftit tal-ġimgħat ilu ġie ffirmat ftehim kollettiv li permezz tiegħu l-ħaddiema, li qabel kienu impjegati ma’ kuntrattur privat b’paga baxxa, issa għandhom ftehim kollettiv vantaġġjuż li jirrifletti aħjar il-ħidma li ssir minnhom fil-komunitajiet tagħna. Madankollu qal kif dawn id-drittijiet u kundizzjonijiet mogħtija lill-ħaddiema għandhom jissarfu f’iżjed responsabbiltà u xogħol b’risq il-komunità.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores, il-Kmandant tal-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati s-Sur Joe Cachia, u ċ-Chairman tal-istess akkademja l-Prof Raymond Mangion.